Skip to main content

Manteniment tal-familja

Flag of Latvia
Il-Latvja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
(in civil and commercial matters)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Il-leġiżlazzjoni Latvjana ma tipprovdix definizzjoni kompleta ta’ manteniment; jeżisti madankollu ftehim komuni ta’ kunċetti speċifiċi marbuta mal-manteniment ta’ persuna oħra. Pereżempju, il-manteniment għat-tfal jikkorrispondi mal-ispejjeż li kull ġenitur huwa obbligat li jipprovdi għall-minuri, irrispettivament mill-qagħda finanzjarja tiegħu. L-ammont minimu ta’ manteniment għat-tfal ġie stabbilit mill-Gvern (Ministru kabinets, “Il-Kabinett tal-Ministri”). Id-definizzjoni ta’ manteniment għat-tfal hija stabbilita fil-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija tal-Manteniment (Uzturlīdzekļu garantiju fonda likums).

Għal ħafna mistoqsijiet relatati mal-obbligu ta’ manteniment — li jista’ jingħata ismijiet differenti, bħal “manteniment” (uzturlīdzekļi) jew “benefiċċji ta’ kumpens biex jiżguraw il-livell preċedenti ta’ benessri” (līdzekļi iepriekšējā labklājības līmeņa nodrošināšanai) — il-fehim komuni huwa bbażat fuq il-ġurisprudenza żviluppata fis-sentenzi tal-qorti. Pereżempju, huwa ġeneralment aċċettat li l-manteniment bejn il-konjuġi jfisser l-għajnuna finanzjarja fit-tul ipprovduta minn konjuġi wieħed lill-ieħor wara li s-sitwazzjoni materjali tiegħu tkun marret għall-agħar.

Il-persuni li huma obbligati li jipprovdu manteniment huma:

Il-ġenituri lit-tfal tagħhom.

Il-ġenituri tal-minuri huma obbligati li jipprovdu manteniment għall-minuri sakemm il-minuri jkun jista’ jmantni lilu nnifsu. Dan l-obbligu għalhekk ma jispiċċax b’mod awtomatiku meta l-minuri jsir adult. Madankollu, qorti tista’ tivvaluta jekk talba għall-manteniment għandhiex tintlaqa’, jekk il-minuri jkun sar adult, ma jkunx kompla l-edukazzjoni jew it-taħriġ professjonali tiegħu u jkun kapaċi jmantni lilu nnifsu permezz ta’ impjieg bi qligħ, iżda jonqos milli jagħmel dan. Wieħed għandu jiftakar li l-ġenituri għandhom jipprovdu l-manteniment fir-rigward tat-tfal tagħhom skont iċ-ċirkustanzi finanzjarji rispettivi tagħhom. Madankollu, kull ġenitur għandu l-obbligu li jħallas l-ammont minimu stabbilit mill-Gvern, hi x’inhi s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. L-obbligu ta’ manteniment għall-bżonnijiet tal-minuri huwa vinkolanti, kemm jekk dan tal-aħħar jgħix mal-ġenituri tiegħu jew ma’ wieħed minnhom u kemm jekk le.

Il-manteniment tal-minuri jkopri l-ikel, l-ilbies u l-akkomodazzjoni kif ukoll il-kura tas-saħħa; il-kura personali, l-edukazzjoni u t-trobbija (li jiżguraw l-iżvilupp fiżiku u mentali tiegħu b’kunsiderazzjoni xierqa tal-personalità, il-kapaċitajiet u l-interessi tal-minuri u l-preparazzjoni tal-minuri għall-attivitajiet tal-ħajja fis-soċjetà).

It-tfal lill-ġenituri tagħhom

L-obbligu tat-tfal li jipprovdu manteniment għall-ġenituri tagħhom jinġarr b’mod ugwali mit-tfal kollha. Jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tat-tfal ma tkunx ugwali, il-qorti tista’ tiddetermina l-obbligi tagħhom li jmantnu lill-ġenituri tagħhom, skont is-sitwazzjoni finanzjarja ta' kull wild.

Konjuġi fil-konfront tal-konjuġi l-ieħor/l-oħra

Jekk jiġi annullat iż-żwieġ, u jekk wieħed biss mill-ex konjuġi kien jaf li ż-żwieġ seta’ jiġi annullat fil-mument meta ġie konkluż, il-konjuġi li ma kienx jaf huwa intitolat li jitlob mingħand il-konjuġi l-ieħor riżorsi proporzjonati mas-sitwazzjoni finanzjarja ta' dan tal-aħħar sabiex iżomm l-istandard tal-għajxien li kellu qabel. Bl-istess mod, malli jingħata divorzju jew wara, l-ex konjuġi jista’ jitlob mingħand l-ex konjuġi l-ieħor riżorsi li jkunu proporzjonati mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konjuġi l-ieħor sabiex iżomm l-istandard tal-għajxien li kellu qabel.

Ma hemmx obbligu li ex konjuġi jingħata r-riżorsi biex iżomm l-istandard tal-għajxien li kellu qabel jekk:

  1. id-duratura mid-divorzju jew mill-annullament taż-żwieġ huwa ugwali għad-duratura taż-żwieġ xolt jew, f’każ ta’ annullament, għad-duratura mill-koabitazzjoni;
  2. l-ex konjuġi reġa’ żżewweġ;
  3. id-dħul tal-ex konjuġi jkopri l-manteniment tiegħu;
  4. l-ex konjuġi jirrinunzja għall-manteniment minħabba li jkun f’impjieg bi qligħ;
  5. l-ex konjuġi li jkollu obbligu li jipprovdi l-manteniment ma jkollux biżżejjed mezzi ta’ sussistenza jew ikun sar inkapaċi biex jaħdem;
  6. l-ex konjuġi jkun wettaq reat kriminali kontra l-parti l-oħra jew kontra l-ħajja, is-saħħa, il-libertà, il-proprjetà jew l-unur tal-axxendenti jew tad-dixxendenti tiegħu;
  7. l-ex konjuġi jkun ħalla lill-ex konjuġi l-ieħor f’sitwazzjoni mingħajr għajnuna minkejja li kien kapaċi jipprovdi assistenza;
  8. l-ex konjuġi akkuża intenzjonalment u falsament lil kwalunkwe persuna msemmija fil-punt 6 b’reat kriminali;
  9. l-ex konjuġi kien qiegħed jgħix ħajja ta' ħela jew immorali;
  10. wieħed mill-konjuġi jmut jew jitqies li miet;
  11. hemm raġunijiet importanti oħra.

Nanniet fil-konfront tan-neputijiet

Jekk ma jkunx hemm ġenituri jew jekk dawn ma jkunux jistgħu jmantnu lill-minuri, dan l-obbligu jaqa’ b’mod ugwali fuq in-nanniet. Jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tan-nanniet ma tkunx ugwali, il-qorti tista’ tiddefinixxi l-obbligi tagħhom b'mod proporzjonat mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull wieħed min-nanniet.

Neputijiet fil-konfront tan-nanniet tagħhom

Jekk ikun meħtieġ, l-obbligu ta’ manteniment għan-nanniet jaqa’ b’mod ugwali fuq in-neputijiet kollha. Jekk iċ-ċirkustanzi finanzjarji tan-neputijiet ma tkunx ugwali, il-qorti tista’ tiddefinixxi l-obbligi tagħhom li jmantnu lin-nanniet tagħhom, b'mod proporzjonat mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull wieħed min-neputijiet.

Obbligi ta’ manteniment abbażi ta’ ftehim ta’ manteniment

Il-partijiet jistgħu jiftehmu li jipprovdu manteniment abbażi ta’ ftehim ta’ manteniment. Skont ftehim ta’ manteniment, parti waħda tipprovdi lill-parti l-oħra xi benefiċċju materjali, fi flus jew in natura, u min-naħa tagħha l-parti l-oħra tmantni lill-ewwel parti matul ħajjitha, sakemm ma jkunx ġiet stipulata durata differenti. Sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor, il-manteniment jinkludi l-ikel, l-akkomodazzjoni, il-ħwejjeġ u l-kura; jekk il-benefiċjarju tal-manteniment huwa minuri, dan jinkludi wkoll it-trobbija u l-edukazzjoni fi skola primarja.

Obbligu ta’ manteniment li jirriżulta minn dannu personali

Jekk persuna li għandha obbligu li tipprovdi manteniment lil persuna oħra tmut kaġun ta’ dannu personali, dan l-obbligu jiġi trażmess lill-persuna responsabbli mill-mewt. L-ammont ta’ tali kumpens jiġi ddeterminat fid-diskrezzjoni tal-qorti, filwaqt li jitqiesu l-età tal-persuna deċeduta, il-kapaċità tagħha li ssostni lilha nfisha qabel il-mewt u, fl-aħħar nett, il-bżonnijiet tal-persuna li għandha tingħata l-manteniment. Jekk il-persuna li għandha tingħata l-manteniment ikollha mezzi ta’ sussistenza suffiċjenti, ma jkunx hemm pretensjoni.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

Il-ġenituri tal-minuri huma obbligati li jipprovdu manteniment għall-minuri sakemm il-minuri jkun jista’ jmantni lilu nnifsu. Dan l-obbligu għalhekk ma jispiċċax b’mod awtomatiku meta l-minuri jsir adult. Madankollu, qorti tista’ tivvaluta jekk talba għall-manteniment għandhiex tintlaqa’, jekk il-minuri jkun sar adult, u ma jkunx kompla l-edukazzjoni jew it-taħriġ professjonali tiegħu u jkun kapaċi jmantni lilu nnifsu permezz ta' impjieg bi qligħ, iżda jonqos milli jagħmel dan.

Il-leġiżlazzjoni Latvjana ma tiddefinixxix x’jikkostitwixxi r-riżorsi li jiżguraw li jinżamm l-istandard tal-għajxien li l-konjuġi l-ieħor kellu qabel. Lanqas ma tiddefinixxi x’jinvolvi l-obbligu fil-konfront tal-ġenituri u n-nanniet.

Il-leġiżlazzjoni Latvjana tiddefinixxi l-manteniment tal-minuri bħala li l-minuri jingħata ikel, ilbies, akkomodazzjoni u kura tas-saħħa, kura personali, edukazzjoni u trobbija (sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp mentali u fiżiku tiegħu b’kunsiderazzjoni xierqa għall-personalità, il-ħiliet u l-interessi tal-minuri u sabiex il-minuri jingħata preparazzjoni għal xogħol utli fis-soċjetà). L-ammont tal-manteniment jiddependi mill-intitolament tal-minuri għall-kundizzjonijiet tal-ħajja xierqa u l-bżonnijiet reali tal-minuri.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Sabiex jikseb kwalunkwe forma ta’ manteniment, ir-rikorrent irid iressaq rikors quddiem il-qorti f’konformità mal-proċedura stipulata fil-Liġi dwar il-proċedura ċivili (Civilprocesa likums). Ir-rikorrent irid jippreżenta rikors u dokumenti oħra meħtieġa lill-qorti.

Il-ġenituri tal-minuri jistgħu jkunu laħqu ftehim, fil-forma ta' att notarili (notarial akts), li jipprevedi ħlas ta' manteniment ta’ kull xahar. Dan il-ftehim huwa att ta’ dritt ċivili li għandu effetti legali, peress li jorbot liż-żewġ partijiet biex josservaw u jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt konkluż b’mod legali. Jekk wieħed mill-ġenituri jonqos milli jikkonforma mal-ftehim dwar il-ħlas ta’ manteniment fiss jew perjodiku, il-ftehim jista’ jiġi trażmess lil bailiff tal-qorti (tiesu izpildītājs) għall-eżekuzzjoni.

Il-Latvja stabbiliet Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment (Uzturlīdzekļu garantiju fonds) intiż sabiex jipprovdi l-manteniment lit-tfal minuri mill-baġit tal-gvern ċentrali. L-assi tiegħu jinżammu mill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment (Uzturlīdzekļu garantiju fonda administrācija). L-Amministrazzjoni tal-Fond hija subordinata direttament għall-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-manteniment jista’ jinkiseb mill-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment dment li l-ewwel isir tentattiv ta’ rkupru tal-manteniment permezz ta’ proċedimenti tal-qorti, iżda jekk l-irkupru ma jkunx possibbli wara deċiżjoni ġudizzjarja, il-kreditur tal-manteniment jista’ japplika quddiem l-Amministrazzjoni tal-Fond.

L-Amministrazzjoni tal-Fond tħallas allowance għall-manteniment biss fil-każ meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-irkupru tal-manteniment f’konformità mal-proċedura ċivili applikabbli, tkun ġiet iddikjarata bħala impossibbli, jew jekk id-debitur jikkonforma ma' deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-irkupru, iżda jonqos milli jipprovdi l-ammont minimu ta’ manteniment stabbilit mill-Gvern.

L-Amministrazzjoni tal-Fond għandha l-obbligu li taġixxi bħala l-eżekutur ta' dejn kontra d-debitur, mingħajr il-bżonn ta’ deċiżjoni ġudizzjarja speċjali, tal-ammont ta’ kwalunkwe allowance għall-manteniment imħallas mill-Fond.

Il-proċedura għall-kisba ta’ allowance għall-manteniment mill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment hija kif ġej:

L-applikant – il-kreditur tal-manteniment għall-minuri - jista’ japplika direttament mal-Amministrazzjoni tal-Fond, billi jippreżenta applikazzjoni u d-dokumenti li ġejjin:

  • kopja tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti l-manteniment;
  • ċertifikat maħruġ minn bailiff li jikkonferma li huwa impossibbli li d-deċiżjoni li tagħti l-manteniment tiġi eżegwita kontra d-debitur, jew li d-debitur jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ rkupru iżda jonqos milli jipprovdi l-ammont minimu ta’ manteniment stabbilit mill-Gvern; dan iċ-ċertifikat irid jiġi ppreżentat lill-Amministrazzjoni tal-Fond fi żmien xahar mid-data tal-ħruġ tiegħu;
  • dokument li jiċċertifika l-awtorizzazzjoni, jekk issir talba għall-manteniment permezz ta’ rappreżentant awtorizzat.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Iva. Rappreżentant awtorizzat jista’ jippreżenta talba f’isem qarib jew persuna mill-qrib. F’każ ta’ minuri, it-talba tista’ tiġi ppreżentata mir-rappreżentanti legali tiegħu, jiġifieri l-ġenituri jew it-tuturi tiegħu.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni jipprovdu li l-qorti b’ġuriżdizzjoni biex tirkupra manteniment ta’ kwalunkwe tip hija l-qorti distrettwali jew il-qorti tal-belt (rajona (pilsētas) tiesa).

Fil-Latvja, il-qorti għandha ġuriżdizzjoni skont dawn li ġejjin:

  • Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (“ir-Regolament dwar il-Manteniment”);
  • it-Trattati bilaterali jew multilaterali li jorbtu lir-Repubblika tal-Latvja;
  • il-Liġi dwar il-proċedura ċivili, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Manteniment jew tat-trattati bilaterali jew multilaterali li jorbtu lir-Repubblika tal-Latvja ma jkunux applikabbli. 

Il-Liġi dwar il-proċedura ċivili tistipula li l-qrati Latvjani li ġejjin għandhom ġuriżdizzjoni fir-rigward tat-talbiet għal manteniment:

  • azzjoni tista' titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn l-intimat ikollu r-residenza tiegħu;
  • jekk il-post tar-residenza tal-intimat ma jkunx magħruf, jew jekk l-intimat ma jkollu l-ebda post ta’ residenza permanenti fil-Latvja, tista' titressaq azzjon quddiem il-qorti ta' post fejn ikollu beni immobbli, jew il-qorti tal-aħħar post ta’ residenza magħruf tiegħu;
  • azzjoni għal irkupru ta’ manteniment għal minuri jew ġenitur tista’ tinbeda wkoll quddiem il-qorti tal-post ta’ residenza tar-rikorrent;
  • azzjoni dwar obbligu ta’ manteniment li jirriżulta minn dannu personali tista’ wkoll tinbeda quddiem il-qorti tal-post ta’ residenza tar-rikorrent jew tal-post fejn ġie kkawżat id-dannu.

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Ir-rikorrent mhuwiex obbligat jagħmel użu mis-servizzi ta’ avukat jew ta’ intermedjarju ieħor sabiex jibda l-proċeduri quddiem il-qorti u jressaq talba lill-qorti. Mhuwa lanqas obbligat li jibda xi proċeduri ta’ konċiljazzjoni qabel l-eżami tal-kawża quddiem il-qorti.

Min-naħa l-oħra, fil-preparazzjoni tal-proċess tal-kawża, l-imħallef għandu jipprova jsib konċiljazzjoni bejn il-partijiet. Il-partijiet huma għalhekk imħeġġa sabiex jilħqu ftehim reċiproku qabel l-eżami tal-kawża quddiem il-qorti.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-partijiet jistgħu jaqblu dwar talba għal manteniment mingħajr ma jressqu każ il-qorti.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Skont l-Artikolu 43(1) tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili, il-persuni li ġejjin huma eżenti mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti lill-Istat (it-tariffa tal-Istat (valsts nodeva), it-tariffa tar-reġistru (kancelejas nodeva) u l-ispejjeż proċedurali (ar lietas izskatīšanu saistītie izdevumi)):

  • ir-rikorrenti, f’talbiet għall-irkupru ta’ ħlas ta’ manteniment għal minuri jew ġenitur, kif ukoll f’talbiet biex tiġi stabbilita l-paternità, jekk it-talba titressaq simultanjament ma’ talba għall-irkupru ta’ manteniment għal minuri;
  • ir-rikorrenti fi kwistjonijiet relatati mar-rikonoxximent jew ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni barranija dwar l-irkupru ta’ ħlas ta’ manteniment għal minuri jew ġenitur;
  • ir-rikorrenti, fir-rigward ta’ talbiet li jirriżultaw minn danni personali li jwasslu għal mutilazzjoni jew danni oħra għas-saħħa, jew mewt ta’ persuna;
  • l-intimati fi kwistjonijiet relatati mat-tnaqqis ta’ manteniment mogħti minn qorti lil minuri jew ġenitur u mat-tnaqqis tal-ħlas ta’ manteniment li l-qorti tat abbażi ta’ talba li tirriżulta minn korrimenti personali li jwasslu għal mutilazzjoni jew ħsara oħra għas-saħħa, jew mewt.

L-Artikolu 34(1) tal-Liġi tal-Latvja dwar il-proċedura ċivili jistipula li dikjarazzjoni ta’ talba (prasības pieteikums) tista’ tkun talba inizjali jew kontrotalba, rikors ippreżentat f'kawża li diġà tkun pendenti minn parti terza b'talba indipendenti fir-rigward tal-mertu tat-tilwima, rikors fi proċedura ta’ aġġudikazzjoni speċjali, jew rikors ieħor ippreżentat lill-qorti li jkun prevista fil-leġiżlazzjoni rilevanti; għal kull dikjarazzjoni ta’ talba, titħallas tariffa tal-Istat, kif ġej:

  • sa EUR 2 134: 15 % tal-ammont mitlub, iżda mhux inqas minn EUR 70;
  • minn EUR 2 135 sa EUR 7 114: EUR 320 b’żieda ta’ 4 % tal-ammont mitlub li jeċċedi EUR 2 134;
  • minn EUR 7 115 sa EUR 28 457: EUR 520 b’żieda ta’ 3,2 % tal-ammont mitlub li jeċċedi EUR 7 114;
  • minn EUR 28 458 sa EUR 142 287: EUR 1 200 b’żieda ta’ 1,6 % tal-ammont mitlub li jeċċedi EUR 28 457;
  • minn EUR 142 288 sa EUR 711 435: EUR 3 025 b’żieda ta’ 1 % tal-ammont mitlub li jeċċedi EUR 142 287;
  • aktar minn EUR 711 435: EUR 8 715 b’żieda ta’ 0,6 % tal-ammont mitlub li jeċċedi EUR 711 435.

Fil-kuntest ta’ azzjoni għall-irkupru ta’ manteniment, l-ammont mitlub jikkorrispondi għas-somma totali pagabbli kull sena.

Fil-Latvja, l-għajnuna legali skont ir-Regolament dwar il-Manteniment għar-rikorrenti barranin jew rikorrenti li huma intitolati għal l-għajnuna legali tingħata mill-awtorità ċentrali stabbilita skont ir-Regolament, jiġifieri l-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment. L-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment tipprovdi għajnuna legali u rappreżentazzjoni, quddiem il-qrati u l-korpi inkarigati mill-eżekuzzjoni Latvjani, tal-kredituri domestiċi tal-manteniment u tal-kredituri barranin li huma intitolati għall-għajnuna legali skont ir-Regolament.

F’każijiet mhux previsti fir-Regolament dwar il-Manteniment, l-Istat Latvjan jagħti għajnuna legali jekk iċ-ċirkostanzi partikolari ta' persuna, l-istatus tal-proprjetà u l-livell tad-dħul ta’ persuna flimkien jagħmluha oġġettivament diffiċli għaliha biex tipproteġi d-drittijiet tagħha. L-għajnuna legali tingħata f’konformità mal-Liġi dwar l-għajnuna legali mill-Istat (Valsts nodrošinātās juridiskās palīdzības likums).

L-għajnuna legali hija disponibbli għall-ispejjeż imġarrba fil-formulazzjoni ta' dokumenti proċedurali, konsultazzjonijiet legali matul il-proċedimenti legali, u r-rappreżentazzjoni quddiem il-qorti. F’każijiet transfruntiera, minn barra l-għajnuna msemmija hawn fuq, persuna għandha wkoll id-dritt li tirċievi s-servizzi ta’ interpretu, it-traduzzjoni ta’ wħud mid-dokumenti ġudizzjarji jew extra ġudizzjarji u ta’ dokumenti mressqa mir-rikorrent jekk dawn huma meħtieġa għall-għoti tas-sentenza, u f’xi każijiet, anke l-ispejjeż ta’ vvjaġġar marbuta mal-parteċipazzjoni fil-proċedura. L-Istat ma jkoprix l-ispejjeż tal-qorti. L-ispejjez tal-qorti jinkludu t-tariffa tal-Istat, l-ispejjeż tar-reġistru u l-ispejjeż proċedurali, bħas-somom li jitħallsu lix-xhieda u lill-esperti, l-ispejjeż marbuta mal-eżami tax-xhieda, l-ispejjeż marbuta man-notifika ta’ kopja tar-rikors tar-rikorrent u taċ-ċitazzjoni, eċċ. Madankollu, il-qorti, wara li tikkunsidra ċ-ċirkostanzi materjali ta' persuna, tista' teżentaha totalment jew parzjalment mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti lill-baġit tal-Istat, jew tista’ tiddifferixxi jew tordna l-ħlas bin-nifs tal-ispejjeż tal-qorti li jkunu ġew ordnati li jridu jitħallsu lill-baġit tal-Istat.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Meta l-qorti tagħti l-manteniment għal minuri, tista’ tagħtih f’forma ta’ somma fissa jew f’xi forma oħra, bħall-ikel, l-ilbies, l-akkomodazzjoni, eċċ. Tista’ wkoll tassoċja ż-żewġ forom.

Sabiex tevalwa u tiffissa l-ammont definit tal-manteniment, il-qorti tieħu f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja tal-partijiet, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom u s-sitwazzjoni familjari tagħhom, billi teżamina b’reqqa l-evidenza ppreżentata mill-partijiet.

Fil-kuntest ta’ azzjoni għall-irkupru ta’ manteniment għal minuri, il-qorti teżamina ċ-ċirkostanzi u l-evidenza kollha tal-kawża u tiffissa l-ammont tal-manteniment. L-ammont minimu ta’ manteniment impost fuq il-ġenituri permezz tar-regolamenti stabbiliti mill-Gvern, jammonta għal 25 % tas-salarju minimu ffissat mill-Gvern, għat-tfal kollha, kull xahar, mill-mument tat-twelid tagħhom sakemm jilħqu l-età ta’ 7 snin; u jammonta għal 30 % tas-salarju minimu ffissat mill-Gvern, għat-tfal kollha mill-età ta’ 7 snin sakemm jilħqu l-età ta’ 18-il sena.

Ladarba jingħata l-manteniment, kwalunkwe bidla f’ammont u fil-perjodu ta’ ħlas, u kwalunkwe eżenzjoni mill-ħlas, jeħtieġu rikors ġdid mill-parti kkonċernata. B’hekk, abbażi tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni finanzjarja jew familjari tal-persuna, il-qorti tista’, fil-kuntest ta’ proċedimenti ġodda, tirrevedi l-ammont tal-manteniment u taġġusta l-ħlasijiet ’il fuq jew ’l isfel.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Id-debitur jeħtieġlu jħallas il-manteniment lill-kreditur. Jekk titressaq talba f'isem wild minuri minn wieħed mill-ġenituri jew mit-tutur tiegħu, il-manteniment jitħallas lilhom minflok lill-minuri. Ġeneralment, il-manteniment jitħallas perjodikament fil-forma ta’ ammont definit, b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis mis-salarju; il-kreditu rarament jieħu forom materjali oħra.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Jekk id-debitur ma jħallasx il-manteniment b’mod volontarju lill-persuna li favur tagħha dan ikun ingħata, jeħtieġ li jinkiseb ordni ta’ eżekuzzjoni (izpildu raksts) mingħand il-qorti li tkun tat is-sentenza. Dik l-ordni ta’ eżekuzzjoni, jew ordni ta’ eżekuzzjoni fformulata fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, trid tiġi sottomessa għall-eżekuzzjoni lil bailiff fi żmien 10 snin mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ġudizzjarja jew tad-deċiżjoni tal-imħallef, għajr jekk japplikaw perjodi ta’ preskrizzjoni oħra (jekk il-pagamenti perjodiċi jiġu rkuprati bħala riżultat ta’ sentenza tal-qorti, l-ordni ta’ eżekuzzjoni tibqa’ fis-seħħ matul il-perjodu kollu li għalih il-pagamenti perjodiċi ġew aġġudikati, u l-perjodu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-aħħar jum għal kull pagament). Il-bailiff jibda l-eżekuzzjoni obbligatorja fuq rikors bil-miktub mill-parti li tkun qed tfittex l-eżekuzzjoni. Il-bailiff huwa obbligat jaċċetta l-ordni ta’ eżekuzzjoni jekk jew il-post ta’ residenza, il-post tal-proprjetà jew il-post tax-xogħol tad-debitur ikun jinsab fid-distrett tal-bailiff (iecirknis). Il-bailiff jista’ jaċċetta wkoll ordnijiet ta’ eżekuzzjoni oħrajn li għandhom jiġu eżegwiti fiż-żona li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti reġjonali (apgabaltiesa) li magħha huwa assenjat il-bailiff, li hija ż-żona fejn il-bailiff għandu s-setgħa li jaġixxi.

L-eżekuzzjoni obbligatorja tista’ tieħu l-forom segwenti: is-sekwestru ta’ proprjetà mobbli tad-debitur, inkluż dawk fil-pussess ta’ partijiet terzi, jew ta’ beni mhux tanġibbli, u l-bejgħ ta' dawk il-beni; is-sekwestru ta’ somom ta’ flus dovuti lid-debitur minn partijiet terzi (rimunerazzjoni tax-xogħol jew ekwivalenti, dħul ieħor tad-debitur, depożiti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu); is-sekwestru u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli tad-debitur; jew miżuri oħra ordnati fid-deċiżjoni.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Skont l-Artikolu 570 tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili, l-irkupru ma jistax jiġi eżegwit kontra l-proprjetà tad-debitur jekk id-debitur ikun qiegħed jaħdem, jew jirċievi pensjoni jew borża ta’ studji, u jekk l-ammont li għandu jiġi rkuprat ma jaqbiżx dik il-parti mid-dħul kull xahar li kontriha jista' jiġi eżegwit l-irkupru skont il-liġi. Il-Liġi dwar il-proċedura ċivili tispeċifika l-kategoriji ta’ proprjetà li ma jistax isir irkupru kontrihom, pereżempju oġġetti tad-dar, apparat domestiku, jew l-ilbies neċessarju tad-debitur u tal-membri tal-familja dipendenti tiegħu. Skont l-Artikolu 594 tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili, sal-estinzjoni tad-dejn li jkun irid jiġi rkuprat, għandu jsir tnaqqis f’konformità mad-dokumenti ta’ eżekuzzjoni minn remunerazzjoni għal xogħol u ħlasijiet ekwivalenti għalih, imħallsa lid-debitur, soġġett għal dan li ġej:

  • fil-każijiet ta’ rkupru ta’ manteniment għan-nutrizzjoni ta' wlied minuri jew għall-benefiċċju tal-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment, proporzjon tar-remunerazzjoni għax-xogħol tad-debitur u l-ħlasijiet ekwivalenti għalih li jkunu daqs 50% tal-paga minima ta’ kull xahar iridu jitħallew intatti, u għal kull wild minuri dipendenti jridu jinżammu intatti riżorsi ugwali għall-ammont tal-benefiċċju tas-sigurtà soċjali tal-Istat;
  • fil-każijiet l-oħra ta’ rkupru ta’ manteniment, is-somma mnaqqsa mir-remunerazzjoni tax-xogħol tad-debitur u l-ħlasijiet ekwivalenti tista’ tammonta għal 50 %, iżda l-paga minima fix-xahar trid titħalla intatta, u għal wild kull minuri dipendenti jridu jinżammu intatti riżorsi ugwali għall-ammont tal-benefiċċju tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

Skont l-Artikolu 632 tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili, kreditur jew debitur f’sentenza jista’ jressaq ilment sostanzjat li jikkontesta l-azzjonijiet ta’ bailiff fl-eżekuzzjoni ta’ sentenza, jew ir-rifjut ta' bailiff li jwettaq dawk l-azzjonijiet, ħlief f’sitwazzjonijiet speċifiċi; l-ilment għandu jitressaq lill-qorti distrettwali jew tal-belt fil-post fejn l-uffiċċju tal-bailiff huwa stabbilit, fi żmien għaxart ijiem mid-data tat-twettiq tal-azzjonijiet ikkontestati jew mid-data li fiha l-ilmentatur, li ma jkunx ġie informat bid-data u bil-post tal-azzjonijiet li kellhom jittieħdu, sar jaf bihom. Skont l-Artikolu 634 tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili, jekk sentenza li diġà tkun ġiet eżegwita mbagħat tiġi annullata, u wara li l-kwistjoni tiġi ġġudikata mill-ġdid tingħata sentenza li tiċħad it-talba, jew tittieħed deċiżjoni li jintemmu l-proċedimenti quddiem il-qorti jew li ma titteħidx deċiżjoni dwar il-kwistjoni, l-eżekuzzjoni tas-sentenza titreġġa' lura, u dak kollu li jkun ġie rkuprat mill-intimat għall-benefiċċju tar-rikorrent skont is-sentenza li tkun ġiet sussegwentement annullata, irid jintradd lura lill-intimat.

Skont l-Artikolu 546 tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili, l-ordnijiet ta’ eżekuzzjoni jistgħu jiġu sottomessi għal eżekuzzjoni obbligatorja fi żmien 10 ijiem mid-data meta tidħol fis-seħħ is-sentenza ta’ qorti jew imħallef, dment li l-ebda perjodu ta' preskrizzjoni ieħor ma jkun stabbilit bil-liġi. Jekk is-sentenza tipprevedi pagamenti perjodiċi, l-ordni ta’ eżekuzzjoni tibqa’ fis-seħħ matul il-perjodu ta’ pagament kollu iżda t-terminu ċċitat hawn fuq jibda jiddekorri mid-data tal-iskadenza ta' kull pagament.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Persuna tista’ titlob lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment sabiex tikseb manteniment għal minuri fil-każ meta l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-irkupru ta' manteniment, konformi mal-proċedura ċivili applikabbli, tiġi rikonoxxuta bħala impossibbli jew jekk id-debitur jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni ġudizzjarja ta' rkupru, iżda ma jħallasx l-ammont minimu stabbilit għall-manteniment.

Skont ir-Regolament dwar il-Manteniment, persuna tista’ titlob lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment sabiex tikseb manteniment minn debitur li ma jinsabx fuq it-territorju Latvjan. L-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment għandu l-funzjoni ta’ awtorità ċentrali fil-Latvja għall-finijiet tar-Regolament.

Skont ir-Regolament dwar il-Manteniment, persuna li tkun intitolata legalment għal manteniment tista’ titlob lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment b’talba intiża lil Stat Membru ieħor tal-UE sabiex: 

  1. tikseb deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ manteniment fl-Istat fejn jirrisjedi l-intimat;
  2. l-ammont tal-manteniment jiġi rivedut (’il fuq jew ’l isfel);
  3. tikseb deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ manteniment u li tiġi stabbilita l-paternità tal-minuri fil-pajjiż fejn jirrisjedi l-intimat;
  4. tiġi rikonoxxuta, tingħata dikjarazzjoni ta' infurzabbiltà jew issir l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ qorti Latvjana li tordna l-irkupru ta’ manteniment.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

L-Amministrazzjoni tal-Fond ta' Garanzija għall-Manteniment jista’ jissostitwixxi ruħu għad-debitur ta’ manteniment ta’ minuri jekk l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-irkupru ta’ dan il-manteniment, konformi mal-proċedura ċivili applikabbli, tiġi rikonoxxuta bħala impossibbli jew jekk id-debitur jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ rkupru, iżda ma jħallasx l-ammont minimu stabbilit għall-manteniment. Jekk l-Amministrazzjoni tal-Fond tkun ħallset il-manteniment, hija tkun intitolata tieħu miżuri biex tirkupra l-ammonti mħallsa flimkien mal-interessi legali (ara t-Taqsima 3 hawn fuq).

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Jekk ir-rikorrent u l-minuri jinsabu fil-Latvja u jekk id-debitur għandu r-residenza tiegħu f’pajjiż ieħor, ir-rikorrent jista’ jitlob lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment jekk l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-irkupru ta’ manteniment, konformi mal-proċedura ċivili applikabbli, tiġi rikonoxxuta bħala impossibbli jew jekk id-debitur jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ rkupru, iżda ma jħallasx l-ammont minimu stabbilit għall-manteniment.

Qabel ma jitlob lill-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment, ir-rikorrent irid jara li d-deċiżjoni ġudizzjarja tiġi rikonoxxuta u infurzata fil-pajjiż l-ieħor jekk id-debitur jirrisjedi f’dan tal-aħħar u jekk huwa ma jipposjedi ebda proprjetà fil-Latvja li tista’ tkun suġġetta għall-eżekuzzjoni. Jekk l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni fil-pajjiż l-ieħor mhijiex possibbli, ir-rikorrent jista’ jitlob lill-Amministrazzjoni tal-Fond sabiex din tissostitwixxi ruħha għad-debitur fir-rigward tal-manteniment eżegwibbli.

L-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment taqdi l-funzjoni ta’ awtorità ċentrali skont ir-Regolament dwar il-Manteniment (ara t-Taqsima 3 u t-Taqsima 13). L-Amministrazzjoni tal-Fond tipprovdi assistenza b’rabta ma’ dan ir-Regolament.

Jekk persuna li tkun residenti fil-Latvja tkun tixtieq tara r-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni ta’ qorti Latvjana li tordna l-eżekuzzjoni ta’ manteniment jew li tikseb deċiżjoni ġudizzjarja kontra debitur li jgħix fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, l-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment tista’ tgħinha, skont ir-Regolament dwar il-Manteniment, tittrażmetti d-deċiżjoni tal-Qorti Latvjana lill-pajjiż barrani rispettiv bl-iskop tar-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tagħha barra mill-pajjiż u għal deċiżjoni fuq l-applikazzjoni.

L-Amministrazzjoni tal-Fond ta' Garanzija għall-Manteniment tista’ tissostitwixxi ruħha għad-debitur u tħallas il-manteniment dovut lil minorenni, kif ukoll toffri servizz ta’ informazzjoni dwar id-domandi ta’ manteniment.

(ara t-Taqsima 3 u t-Taqsima 13).

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment (Uzturlīdzekļu garantiju fonda administrācija)

Indirizz: Raiņa bulvāris 15, Riga,

LV-1050, il-Latvja

posta elettronika:maintenance@ugf.gov.lv

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Jekk il-kreditur tal-manteniment jinsab fi Stat Membru ieħor tal-UE u d-debitur tal-manteniment jinsab fil-Latvja, il-kreditur jista’ jitlob, skont ir-Regolament dwar il-Manteniment, lill-Awtorità Ċentrali tal-pajjiż fejn jirrisjedi l-kreditur. It-talba tista’ tfittex deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ manteniment fil-Latvja, fejn jirrisjedi d-debitur; jew deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ manteniment u li tiġi stabbilita l-paternità fil-Latvja; jew deċiżjoni li tiddikjara eżegwibbli, fil-Latvja, deċiżjoni barranija li tordna l-irkupri jew deċiżjoni li tinforza deċiżjoni barranija. Skont ir-Regolament, l-awtorità ċentrali ta’ pajjiż barrani twettaq il-formalitajiet meħtieġa u tittrażmetti t-talbiet tal-kreditur lill-awtorità ċentrali Latvjana stabbilita skont ir-Regolament. L-awtorità ċentrali Latvjana (l-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment) tgħin lir-rikorrent barrani bit-trażmissjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja barranija bl-għan tal-eżekuzzjoni u tar-rikonoxximent tagħha fil-Latvja, jew tgħin lir-rikorrent jagħmel rikors għall-irkupru ta’ manteniment quddiem qorti Latvjana, fejn id-debitur jirrisjedi, jew rikors għall-irkupru ta’ manteniment flimkien ma’ rikors biex tiġi stabbilita l-paternità fil-Latvja.

Jekk l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-irkupru ta’ manteniment f’konformità mal-proċedura ċivili applikabbli tkun ġiet iddikjarata bħala impossibbli, jew jekk id-debitur jikkonforma ma' deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-irkupru, iżda tonqos milli tipprovdi l-ammont minimu ta’ manteniment, persuna li tirrisjedi b’mod permanenti ma’ binha jew bintha fil-Latvja, bit-tnejn li huma jkollhom ir-residenzi ddikjarati tagħhom fil-Latvja, tista’ tressaq talba quddiem l-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment biex tħallasha l-manteniment.

Skont ir-Regolament dwar il-Manteniment, persuna trid tapplika mal-awtorità ċentrali tal-pajjiż li fih hija residenti. Persuna li hija residenti fil-Latvja tista’ titlob l-awtorità ċentrali sabiex:

  1. tikseb deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ manteniment barra fi Stat Membru ieħor tal-UE, fejn jirrisjedi l-intimat;
  2. tikseb deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ manteniment u li tiġi stabbilita l-paternità fi Stat Membru ieħor tal-UE, fejn jirrisjedi l-intimat;
  3. fejn diġà ngħatat deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ manteniment, sabiex dik id-deċiżjoni tiġi rikonoxxuta, tingħata dikjarazzjoni ta’ eżegwibilità jew issir l-eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor tal-UE, fejn jirrisjedi l-intimat.

Jekk l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-irkupru ta’ manteniment f’konformità mal-proċedura ċivili applikabbli tkun ġiet iddikjarata bħala impossibbli, jew jekk id-debitur jikkonforma ma' deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-irkupru, iżda tonqos milli tipprovdi l-ammont minimu ta’ manteniment, persuna li tirrisjedi b’mod permanenti ma’ binha jew bintha fil-Latvja, bit-tnejn li huma jkollhom ir-residenzi ddikjarati tagħhom fil-Latvja, tista’ tressaq talba quddiem l-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment biex tħallasha l-manteniment.

Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment (Uzturlīdzekļu garantiju fonda administrācija)

Indirizz: Raiņa bulvāris 15, Riga,

LV-1050, il-Latvja

posta elettronika: maintenance@ugf.gov.lv

Skont ir-Regolament dwar il-Manteniment, l-Amministrazzjoni tal-Fond taqdi l-funzjoni ta’ awtorità ċentrali fil-Latvja.

L-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment tħallas allowance għall-manteniment lill-kreditur, minflok id-debitur, jekk l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-irkupru tal-manteniment f’konformità mal-proċedura ċivili applikabbli tkun ġiet iddikjarata bħala impossibbli, jew jekk id-debitur jikkonforma ma’ deċiżjoni ġudizzjarja li tordna l-irkupru, iżda jonqos milli jipprovdi l-ammont minimu ta’ manteniment.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Il-Latvja hija marbuta bil-Protokoll tal-Aja tal-2007.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

Il-Latvja hija marbuta bil-Protokoll tal-Aja tal-2007.

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Skont l-Artikolu 43 tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili, il-persuni li ġejjin huma eżenti mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti lill-Istat:

  • ir-rikorrenti, f’talbiet għall-irkupru ta’ ħlas ta’ manteniment għal minuri jew ġenitur, kif ukoll f’talbiet biex tiġi stabbilita l-paternità, jekk it-talba titressaq simultanjament ma’ talba għall-irkupru ta’ manteniment għal minuri;
  • ir-rikorrenti fi kwistjonijiet relatati mar-rikonoxximent jew ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni barranija dwar l-irkupru ta’ ħlas ta’ manteniment għal minuri jew ġenitur;
  • l-intimati, f’kwistjonijiet dwar it-tnaqqis ta’ manteniment ta’ minuri jew ġenitur ordnat mill-qorti.

Meta jitressaq rikors minn ex konjuġi biex jirkupra r-riżorsi sabiex jiżgura li jinżamm l-istandard tal-għajxien li kellu qabel, jew minn rikorrent li jitlob ir-rikonoxximent jew ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti barranija dwar l-irkupru tal-manteniment għal ex konjuġi jew persuna oħra, skont l-Artikolu 43, ir-raba’ parti, qorti jew imħallef, filwaqt li jqis is-sitwazzjoni finanzjarja tal-individwu, jista’ jeżenta lir-rikorrent totalment jew parzjalment mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti lill-baġit tal-Istat, jew jista’ jiddifferixxi jew jordna l-ħlas bin-nifs tal-ispejjeż tal-qorti li jkun ġew ordnati li jridu jitħallsu lill-baġit tal-Istat.

Fil-Latvja, l-għajnuna legali skont ir-Regolament dwar il-Manteniment għar-rikorrenti barranin jew rikorrenti li huma intitolati għal l-għajnuna legali tingħata mill-awtorità ċentrali stabbilita skont ir-Regolament, jiġifieri l-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment. L-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment tipprovdi għajnuna legali u rappreżentazzjoni, quddiem il-qrati u l-korpi inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-Latvja, tal-kredituri domestiċi tal-manteniment u tal-kredituri barranin li huma intitolati għall-għajnuna legali skont ir-Regolament. 

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

Il-Latvja emendat diversi liġijiet u regolamenti nazzjonali sabiex l-awtorità ċentrali stabbilita skont ir-Regolament dwar il-Manteniment tkun tista’ tiżgura l-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 51. Wara dawn l-emendi, il-liġijiet u regolamenti tal-Latvja jiżguraw l-għoti tal-għajnuna lill-kredituri u rikorrenti transfruntiera li huma intitolati għal din l-għajnuna, kif meħtieġ mir-Regolament, inkluż ir-rappreżentazzjoni tal-persuna fil-qorti u quddiem il-korpi inkarigati mill-eżekuzzjoni. Sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn jinsabu d-debitur u l-kreditur fil-Latvja jew għall-kisba ta’ informazzjoni dwar id-dħul tagħhom u dwar il-lokalizzazzjoni tal-proprjetà tagħhom fil-Latvja, l-awtorità ċentrali Latvjana, jiġifieri l-Amministrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment, għandha aċċess dirett għad-diversi reġistri Latvjani li jikkontjenu din l-informazzjoni. L-informazzjoni li l-awtorità ċentrali tista’ tikseb direttament minn dawn ir-reġistri tista’ tagħtiha wkoll il-possibbiltà li tikseb dokumenti u evidenza. Sabiex tiftaħ il-proċedimenti, jew tiffaċilita l-ftuħ tagħhom, kif ukoll tkun tista’ tikseb il-miżuri provviżorji meħtieġa u l-evidenza, l-Amministrazzjoni tal-Fond għandha d-dritt li tressaq kawża quddiem il-qrati fil-Latvja f’isem ir-rikorrenti ikkonċernati. L-Amministrazzjoni tal-Fond tista’ wkoll, f’isem ir-rikorrent, tressaq rikors direttament quddiem il-qorti għad-determinazzjoni tal-filjazzjoni tal-minuri, jekk l-azzjoni tinbeda simultanjament ma’ azzjoni għall-irkupru ta’ manteniment.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna